Mur għall-kontenut ewlieni

Kif tagħmel ilment fil-livell tal-UE

Riżorsi fil-livell tal-UE

Għalkemm normalment tkun tista' tinforza drittijietek aħjar fil-pajjiż fejn tgħix, l-Unjoni Ewropea toffri riżorsi li jistgħu wkoll ikunu ta’ għajnuna għalik.

Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew

Għandek id-dritt (l-Artikolu 227 tat-TFUE) li tissottometti petizzjoni lill-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni. Tista’ tissottometti l-petizzjoni tiegħek bil-posta jew online permezz tas-sit web tal-Parlament Ewropew. Tista’ ssir taf aktar dwar il-petizzjonijiet lill-Parlament Ewropew fuq is-sit web taċ-ċittadinanza tal-UE u tal-moviment liberu.

Il-Kummissjoni Ewropea

Tista’ tikkuntattja lill-Kummissjoni Ewropea dwar kwalunkwe miżura (liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva), nuqqas ta’ miżura jew prattika minn pajjiż tal-Unjoni Ewropea li taħseb li tmur kontra l-liġi tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea tqis l-ilment tiegħek biss jekk ikun ksur tal-liġi tal-Unjoni mill-awtoritajiet f’pajjiż tal-UE. Jekk l-ilment tiegħek hu dwar l-azzjoni ta’ individwu jew korp privat (sakemm ma tkunx tista’ turi li l-awtoritajiet nazzjonali huma b’xi mod involuti), trid tipprova ssolvi din il-problema fuq livell nazzjonali (il-qrati jew modi oħra ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim). Il-Kummissjoni Ewropea ma tistax tittratta kwistjonijiet li jinvolvu biss individwi jew korpi privati, u li ma jinvolvux lill-awtoritajiet pubbliċi.

Jekk m’intix espert fil-liġi tal-Unjoni, tista’ ssibha bi tqila biex issir taf eżattament liema liġi tal-Unjoni taħseb li ġiet miksura. Tista’ tikseb parir malajr u b’mod informali mis-servizz Pariri tal-Ewropa Tiegħek, bil-lingwa tiegħek stess.

L-Ombudsman Ewropew

Jekk tqis li l-Kummissjoni Ewropea ma ttrattatx ir-rikjesta tiegħek b’mod tajjeb, tista’ tikkuntattja lill-Ombudsman Ewropew (l-Artikoli 24 u 228 tat-TFUE).

Passi amministrattivi biex tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni Ewropea

Għandek tressaq l-ilment tiegħek billi tuża l-formola tal-ilmenti standard, li tagħmilha iżjed faċli għalina biex nifhmu l-problema tiegħek. Tista’ timla l-formola bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-UE. Jekk jogħġbok kun ċert li tinkludi d-dettalji li ġejjin:

  • iddeskrivi eżattament kif taħseb li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu kisru l-liġi tal-UE, u liema hi l-liġi tal-UE li taħseb li kisru
  • agħti dettalji ta' kwalunkwe pass li ħadt biex tingħata rimedju

X’tagħmel il-Kummissjoni Ewropea bl-ilment tiegħek?

L-ilmenti lill-Kummissjoni Ewropea jgħaddu minn dan il-proċess:

  • Il-Kummissjoni Ewropea tikkonfermalek li tkun irċeviet l-ilment tiegħek fi żmien 15-il jum ta’ xogħol.
  • Il-Kummissjoni Ewropea se tistiednek terġa’ tissottometti l-ilment tiegħek fil-każ li ma tkunx użajt il-formola tal-ilmenti standard.
  • Fi żmien 12-il xahar, il-Kummissjoni Ewropea tivvaluta l-ilment tiegħek u għandha l-għan li tiddeċiedi jekk għandhiex tagħti bidu għal proċedura formali ta' ksur kontra l-pajjiż inkwistjoni.
  • Jekk il-kwistjoni li qed tqajjem hi partikolarment ikkumplikata, jew jekk il-Kummissjoni Ewropea jkollha bżonn tistaqsi lilek jew lil oħrajn għal aktar informazzjoni jew dettalji, tista’ tieħu aktar minn 12-il xahar qabel ma tasal għal deċiżjoni. Se tiġi infurmat jekk il-valutazzjoni tieħu aktar minn 12-il xahar.
  • Jekk il-Kummissjoni Ewropea tiddeċiedi li l-ilment tiegħek hu fondat u tibda proċedura formali ta' ksur kontra l-pajjiż inkwistjoni, hi tinfurmak u tgħarrfek kif ikun miexi l-każ.
  • Jekk il-Kummissjoni tikkuntattja lill-awtoritajiet tal-pajjiż li kontrih għamilt l-ilment, hi mhux se tiżvela l-identità tiegħek ħlief jekk int tkun tajt il-permess espliċitu tiegħek biex tagħmel dan.
  • Jekk il-Kummissjoni Ewropea taħseb li l-problema tiegħek tista' tiġi solvuta b'mod aktar effiċjenti b’xi servizz informali jew ta' soluzzjoni tal-problema barra l-qorti, hi tista' tipproponilek li l-file tiegħek jiġi trasferit lil dawn is-servizzi.
  • Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-problema tiegħek ma tinvolvix ksur tal-liġi tal-Unjoni, tinfurmak b’ittra qabel ma tagħlaq il-file tiegħek.
  • Fi kwalunkwe ħin, tista’ tagħti materjal addizzjonali dwar l-ilment tiegħek lill-Kummissjoni Ewropea jew titlob biex tiltaqa' mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea.

Skopri aktar dwar kif il-Kummissjoni Ewropea tittratta r-relazzjonijiet tagħha ma’ persuni li jilmentaw: Komunikazzjoni dwar l-immaniġġjar tar-relazzjonijiet mal-kwerelant rigward l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni.

Kif tressaq ilment online

Tista’ timla u tippreżenta l-formola tal-ilmenti online.

Kif tressaq ilment bl-email jew bil-posta

Jekk tixtieq tressaq ilment bl-email jew bil-posta, trid timla l-formola tal-ilmenti standard li hi disponibbli bil-lingwi kollha tal-UE. Jekk jogħġbok segwi l-istruzzjonijiet li ssib fil-formola.

Il-formola se tgħinek tagħti struttura lill-ilment tiegħek u tiżgura li fiha l-informazzjoni rilevanti kollha. Biex tiffaċilita l-ipproċessar tal-ilment tiegħek, jekk jogħġbok imla l-formola fuq l-iskrin jew bil-kitba b’mod li tkun tinqara.

Il-Kummissjoni tista’ tirċievi emails minn “servizz ta’ email iċċertifikat” (eż. [dot] [dot] [dot] atpec [dot] it ([dot][dot][dot][at]pec[dot]it)), iżda għal raġunijiet tekniċi ma nistgħux nibagħtu tweġibiet lejn indirizz tal-email iċċertifikat. Għalhekk għandek tipprovdi indirizz ta’ email standard u/jew indirizz postali fil-formola tal-ilmenti, sabiex inkunu nistgħu nwieġbuk.

16 MEJJU 2023
Formola ta’ lment għal ksur allegat tal-liġi tal-unjoni minn stat membru

Stqarrija ta’ privatezza speċifika - It-trattament tal-ilmenti dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE

L-ilmenti jistgħu jintbagħtu f'dan l-indirizz:

European Commission
Secretary-General
B-1049 Brussels
BELGIUM

jew

L-uffiċċju tal-Kummissjoni tal-UE f’pajjiżek

 

icon info

Stħarriġ dwar il-formola ta’ lment rigward l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru

Dan l-istħarriġ iħares lejn l-esperjenza tiegħek bil-formola standard użata biex tressaq ilment lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru.

X’tista’ u x’ma tistax tagħmel il-Kummissjoni

Wara li teżamina l-fatti tal-ilment tiegħek, il-Kummissjoni se tiddeċiedi jekk għandhiex tieħu aktar azzjoni. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li ma tiftaħx proċedura ta’ ksur formali, anki jekk tikkunsidra li seħħ ksur fil-liġi tal-UE. Ċerti każijiet jistgħu jiġu ttrattati b’mekkaniżmi oħra fil-livell tal-UE u nazzjonali, li jkunu iktar xierqa. Dan japplika b’mod partikolari għal każijiet individwali ta’ applikazzjoni mhux korretta li ma jsarrfux fi kwistjonijiet ta’ prinċipju usa’, fejn hemm evidenza insuffiċjenti ta’ prattika ġenerali, ta’ problema ta’ konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-liġi tal-UE jew falliment sistematiku ta’ konformità mal-liġi tal-UE. F’każijiet bħal dawn, jekk hi disponibbli protezzjoni legali effettiva, il-Kummissjoni, bħala regola ġenerali, se tindirizza lill-persuni li qed jilmentaw għal-livell nazzjonali (ara l-Komunikazzjoni dwar l-immaniġġjar tar-relazzjonijiet mal-kwerelant rigward l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni).
Pereżempju, fl-2017, il-Kummissjoni għalqet proċedura ta' ksur u lmenti fil-qasam tal-logħob tal-azzard. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni l-użu tas-setgħat ta’ infurzar li jippromwovu s-Suq Uniku tal-UE fil-qasam tas-servizz tal-logħob tal-azzard online ma kienx prijorità. L-ilmenti fis-settur tal-logħob tal-azzard jistgħu jiġu ttrattati b'mod aktar effiċjenti mill-qrati nazzjonali milli mill-Kummissjoni.
Min-naħa l-oħra, jekk il-Kummissjoni ttella’ pajjiż il-Qorti tal-Ġustizzja u tirbaħ il-każ, il-pajjiż se jkollu jieħu l-azzjonijiet kollha biex jirrimedja l-ksur.
Jekk il-Kummissjoni tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu diversi snin biex taqta’ s-sentenza. Is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja huma differenti minn dawk mogħtija mill-qrati nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti sentenza fejn tistqarr jekk kienx hemm ksur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Il-Qorti tal-Ġustizzja la tista’ tħassar dispożizzjoni nazzjonali li hi inkompatibbli mal-liġi tal-Unjoni Ewropea, la tista’ tisforza lil amministrazzjoni nazzjonali tirrispondi għal talba ta’ individwu, u lanqas ma tista’ tordna lil pajjiż iħallas id-danni lil individwu li ġie affettwat b’mod ħażin minn ksur tal-liġi tal-Unjoni Ewropea. Biex ifittxu kumpens, il-persuni li jilmentaw xorta jridu jieħdu l-każ tagħhom quddiem qorti nazzjonali fil-limitu taż-żmien stipulat fil-liġi nazzjonali.

Ilmenti multipli

Il-Kummissjoni xi drabi tirċievi diversi lmenti dwar l-istess suġġett kontra l-istess Stat Membru (l-hekk imsejħa “lmenti multipli”). F’każ bħal dan, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tikkomunika mal-ilmentaturi permezz ta’ pubblikazzjonijiet fuq dan is-sit web. Dan il-mod speċifiku ta’ komunikazzjoni jippermetti lill-Kummissjoni tirrispondi malajr u tinforma lil dawk ikkonċernati. Dan jagħti wkoll lill-Kummissjoni l-opportunità li tindirizza interess pubbliku potenzjalment usa’ fil-kwistjoni mqajma mill-ilmentaturi.

Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni tippubblika l-konferma tal-wasla tal-“ilment multiplu”. L-ilmentaturi aktar tard jiġu infurmati dwar is-segwitu li l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tieħu dwar ilment multiplu u d-deċiżjoni finali.

Stqarrija ta’ privatezza speċifika - It-trattament tal-ilmenti dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE

L-informazzjoni rigward deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar każijiet ta’ ksur hija ppubblikata hawnhekk.

OSZAR »